Episodes

  • « Xi tfajliet imorru jaraw x’sar, u ma jiġux lura. Tmur oħra, imbagħad oħra. Imbagħad immorru lkoll kemm aħna, rassa sħiħa, kulħadd xhud. Is-sink sewwewh. Il-grouting tal-madum wara s-sink jidher iktar abjad u ġdid minn tal-madwar. Dan l-uniku sinjal tat-traġedja. Nitla’ fuq ponot subgħajja biex nara t-tiswija jien ukoll. Kollox ileqq. Hawn riħa ta’ plastik u affarijiet ġodda. Ix-xebbiet kollha jqarrsu wiċċhom. Ħadd ma jlissen kelma, imma nisma’ n-nifs li qed nieħdu, sinkronizzat. Nisma’ l-polz iħabbat f’rasi, demmi, ir-ritmu ta’ ġismi. Nisma’ l-istess ritmu fit-tfajla ta’ maġenbi. L-istess ritmu f’kull tfajla. »


    https://aphroconfuso.mt/davinia-hamilton-likantropi/


    * Din l-istorja tittratta temi ta’ abbuż u mġiba awtodistruttiva.


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • « Dawn il-proċessi kollha huma xi ħaġa li tinteressani peress li ovvjament huma assoċjati aktar man-nisa, max-xogħol tan-nisa, li ma tistax tikkapitalizzah. Jiġi kkapitalizzat, imma l-bażi tiegħu mhix il-kreazzjoni tal-valur, il-valur tiegħu mhux ekonomiku imma huwa soċjali. Qiegħed biex tirriproduċi s-soċjetà, jew tħaddan ’in-nies, biex tieħu ħsiebhom. Dak huwa l-valur prinċipali ta' dan it-tip ta' xogħol. Allura nieħu gost nuża dat-tip ta' xogħol meta nkun qed naħdem fuq proġetti artistiċi. Nieħu gost nagħmilhom waqt li nkun qed nitkellem ukoll fuq il-ġeneru. Meta għamilt Huma Min Huma? kont qed inħit libsa u nitkellem speċifikament fuq il-pronomi. Għal Insalata għamilt insalata waqt li tkellimt fuq ir-relazzjoni tiegħi mal-ikel u l-ġeneru, il-preżentazzjoni u l-ħsieb tiegħi marbut mal-ikel u l-ġeneru. Jiġifieri dejjem kien hemm dawk l-ideat. Anki fil-kitba, meta nkun qed nikteb, dejjem nidħol fid-dettall fuq l-ikel, fuq is-sensi, fuq l-affarijiet effimeri tal-ħajja ta' kuljum. Jiġu anka mill-istudji tiegħi tal-Antropoloġija, li vera tiffoka fuq il-ħajja ta' kuljum, u vera l-ħajja ta' kuljum iġġibha maġika. U dik xi ħaġa li dejjem pruvajt nagħmel għax għalija l-ħajja ta' kuljum hija maġika speċjalment f'postijiet fejn il-kapitaliżmu ma tantx jirnexxilu jippenetra. Għalhekk ukoll vera nidħol fuq is-sensi, fuq il-proċessi tal-ġisem. U li l-karattri jkunu konxji mill-ġisem tagħhom, x'qed jagħmlu fl-ispazju u dawn l-affarijiet kollha li l-loġika assoċjata mal-patrijarkat ma tagħtix kashom, għalija huma l-aktar affarijiet importanti fil-ħajja tal-bniedem. »


    Waqt din it-taħdita Noah ssemmi There Are More Things ta’ Yara Rodrigues Fowler, u DIY as Privilege ta’ Richard Phoenix.


    https://aphroconfuso.mt/noah-fabri-poddata-2024-05-11-noti-editorjali-5-noah-fabri/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • Missing episodes?

    Click here to refresh the feed.

  • « Poġġa fit-tarf tal-wita jħares ’l isfel, radam ta’ ġebel imrembel mal-għargħar tal-ilma li eluf ta’ snin ilu niżel minn Ħad-Dingli għall-port tal-Marsa, iħares lejn il-marki ta’ tidwir u rrumblar fl-uċuħ tal-ġnub tal-wied u l-għerien, l-għelieqi u l-imnasab, jonfoħ fis-suffara li kien qed ilesti u qalli: hawn kienu jgħixu d-deffiena ta’ Bur Mgħeż. »


    Ħajr lil Maria Giuliana Fenech għall-għajnuna tagħha fit-traslitterazzjoni ta’ ismijiet mill-Grieg Antik. L-epigrafu huwa meħud mill-ġabra Raxx tas-Silenzju, 2012. Notes of a Naturalist in the Nile Valley and Malta ta’ Andrew Leith Adams kien ippubblikat minn Edmundson and Douglas ta’ Edinburgh fl-1870. Għal dan l-esej ikkonsultajt il-“Museum Annual Reports” disponibbli mis-sit tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti. Ikkonsultajt ukoll it-teżi tad-dottorat ta’ Leila C. D’Souza, “An endemic radiation of deer in the Late Pleistocene of Malta”, disponibbli mis-sit tal-Università ta’ Bristol, it-tieni volum ta’ Zammit of Malta: His Times, Life and Achievements ta’ Roger Ellul Micallef ippubblikat mill-Allied Publications fl-2013; l-ewwel volum tal-Proġett FRAGSUS bit-titlu Temple Landscapes: Fragility, Change and Resilience of Holocene Environments in the Maltese Islands ta’ Charles French, Chris O. Hunt, Reuben Grima, Rowan McLaughlin, Simon Stoddart u Caroline Malone, ippubblikat mill-McDonald Institute for Archaeological Research fl-2020 u disponibbli mis-sit tal-Universita ta’ Cambridge; Red Coats and Wild Birds: How Military Ornithologists and Migrant Birds Shaped Empire ta’ Kirsten A. Greer, UNC Press 2020. Trechmann kiteb dwar ir-riċerka tiegħu f’Malta fl-ewwel ħarġa tal-75 volum tal-Geological Magazine 1938. Dwar l-istess suġġett ikkonsultajt ukoll “Quaternary Environments and Biogeography of the Maltese Islands” ta’ Christopher O. Hunt u Patrick J. Schembri li deher f’Facets of Maltese Prehistory, Anton Mifsud u Charles Savona Ventura, edituri, pubblikazzjoni Prehistoric Society of Malta 1999 u disponibbli hawn. Mix-xogħol ta’ George Zammit-Maempel ikkonsultajt Pioneers of Maltese Geology, pubblikazzjoni P.E.G. 1989, u “The Earliest ‘Treatise’ on Maltese Fossils” f’Melita Historica 8, 1981.


    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-4-ħallejt-it-tebut-għal-ġisimha-biss/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • “Il-Kliem fit-Teorija” kienet taħdita li saret fil-21 ta' Marzu 2024 waqt il-festival Kampus Kotba, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. It-taħdita kienet it-tnedija ta’ proġett bl-istess isem fuq il-ġurnal.

    Termini fil-ħsieb kontemporanju malajr isibu ruħhom fid-diskors kulturali u politiku mingħajr ma jkun sar ingaġġament mar-raġunijiet għalfejn nużaw lilhom flok oħrajn. Meta niktbu bl-istess lingwa li biha naqraw, faċli nużaw dal-kelmiet mingħajr ma nirriflettu wisq fuqhom. Iżda meta niktbu bil-Malti, id-diffikultà tat-traduzzjoni tista’ ssir privileġġ: tagħtina l-opportunità ningaġġaw mill-qrib mat-termini qabel indaħħluhom fil-lingwa tagħna. “Il-Kliem fit-Teorija” huwa proġett fejn kittieba u speċjalisti jiddiskutu t-traduzzjoni fil-Malti ta’ kliem fil-ħsieb kontemporanju. Il-kelliema kienu Aaron Aquilina, Noah Fabri u Omar N’Shea.


    « Il-filosofija mhijiex sempliċiment ġabra ta’ termini, u t-traduzzjoni tal-filosofija mhijiex biss it-traduzzjoni ta’ dawk it-termini. Iżda l-kelmiet speċjalizzati jakkumulaw tifsiriet kumplessi u jekk naqbdu nużawhom mingħajr ħsieb, qisu m’għandhomx l-istorja tagħhom, inkunu qed naħluhom. Inkunu qed nużawhom biss bħala kantaliena, bħalma darba konna nitolbu bl-amment, mingħajr responsabbiltà lejn dak li qed ngħidu, mingħajr ma nħalluhom isawruna mill-ġdid. Kull kelma hi kuntratt ta’ tifsir u meta niġu biex naqilbuha fi lsienna, dak huwa l-aqwa mument biex nippruvaw nifhmu aħjar dak li qed nippruvaw ngħidu biha. »


    https://aphroconfuso.mt/il-kliem-fit-teorija/


    Peress li kien hemm ħafna attività fil-festival, kellna nipproċessaw ir-recording biex inneħħu l-istorbju mill-isfond, u għaldaqstant f'xi waqtiet il-kwalità tal-vuċijiet mhix għolja daqs is-soltu.


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • F’din il-parti, Omar jibda mill-metodi tal-arkeoloġija sakemm jgħaddi għall-mezzi li nużaw bħala bnedmin biex niftakru ’l qrabatna, kemm biex nibqgħu magħhom u kemm biex nerħulhom f’idejn iż-żmien, “il-proċessi soċjali, fiżiċi u ontoloġiċi li bihom il-ħajjin jittrasformaw il-ġisem bla ħajja fil-ġisem mejjet”. Il-metodu xjentifiku li tuża l-arkeoloġija moderna hija l-istratigrafija, tħaffir tat-trinek li jħalluna naraw is-saffi li jserrħu wieħed fuq l-ieħor taħt saqajna.


    Noti: Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u lill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. L-epigrafu ta’ Tarċisju Zarb huwa meħud minn “Ir-Raġel tal-Glielez”. Il-kitba ta’ C. J. Farrugia, “L-Imqabba fis-Sekli Dsatax u Għoxrin u t-Twaqqif tal-Partiti” fil-ktieb Sicut Lilium: devozzjoni u ritwal tul is-sekli, editjat minnu stess kien ppubblikat fl-Imqabba mis-Soċjeta Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-2012.


    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-3-qegħedtha-ġo-qabar-fuq-l-għolja-tal-ħorr/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • « Dan il-proġett tal-esejs għalija huwa proġett ta’ memorja li l-pandemija tefgħetni fih. Jiġifieri l-pandemija, forsi kif esperjenzaha wkoll ħaddieħor, jien esperjenzajtha b’ċertu żlugar. Żlugar mill-ordinarju. Għaliex? Għax kollox ġie żlugat. Il-ħajja tagħna, għal ħafna nies il-post fejn jgħixu, il-mod kif jgħixu, ix-xogħol, kollox ġie maqtugħ mill-ordinarju. Dak il-qtugħ ħafna nies esperjenzawh bħala trawma, ma nixtieqx inxejjen minn dan, kien hemm ħafna mewt fl-arja, u ħafna nies esperjenzawh b’uġigħ. Oħrajn esperjenzawh b’forma ta’ libertà stramba u libertà ġdida li f’daqqa waħda “għandi ħafna iktar ħin” jew “għandi ħafna iktar ħin id-dar”. Wieħed mill-ħsibijiet li kien ikolli fil-pandemija—naf inqum, saru l-għaxra, fejn is-soltu nkun l-uffiċċju jew xi mkien u qiegħed id-dar—u ngħid id-dawl tax-xemx fuq din il-mejda qatt ma rajtu b'dan il-mod, dak it-tip ta’ ħsibijiet, għax qatt ma nkun id-dar dak il-ħin. Jew qed inħoss il-kamra differenti, jew inkella anka qed immur mixja. Kont maqtugħ mir-rutina. Ġieli kien ikun stramb dan, u ġieli kien idejjaqni, ovvjament, għax kien hemm ħafna stress, ħafna ansjetà u inċertezza. Imma daqstant ieħor kelli bżonn dik il-qatgħa biex lili titfagħni f’ċerta żona fejn ċerti memorji reġgħu bdew ifuru. Jew ċerti emozzjonijiet minn ġo fija erġajt bdejt inħosshom b'ċerta intensità, b’ċerta luċidità. U ħassejt dak kien mument esejistiku għalija. Kien f’dan l-ispirtu li dort lejn l-esej għax xtaqt naqbad xi ħaġa minni nnifsi u mid-dinja li bdejt inħoss li ħa titlaq għal dejjem. »


    Waqt it-taħdita ma’ Kurt, jissemmew La volonté de savoir (Histoire de la sexualité, I)

    ta’ Michel Foucault, pubblikazzjoni Éditions Gallimard, 1976;

    My Struggle [Min kamp] ta’ Karl Ove Knausgård, Harvill Secker 2012 u This Life: Secular Faith and Spiritual Freedom ta’ Martin Hägglund, pubblikazzjoni Penguin Random House 2019. Jissemma wkoll l-esej “Il-motif tal-ilma fil-lirika ta’ Gioele Galea” ta’ Bernard Micallef. Mix-xogħol ta’ Kurt stess jissemmew “On friendship and mourning the death of a friend : reading Brodu’s debut album” (antae 2017), “The Unconfessable Remains Unconfessed: Reading Gender, Mourning, and Relationality in ‘In the Name of the Father (and of the Son)’ through the Work of Judith Butler” f’Jiena [X']Jien? Is-Suġġett fin-Narrattiva Kontemporanja Maltija, Stephen Bonanno, editur, pubblikazzjoni Klabb kotba Maltin 2019. “On the Interface between Philosophy and the Essay: Foucault’s Essayistic Ethos” f’The Edinburgh Companion to the Essay, Mario Aquilina, Bob Cowser, Jr, u Nicole B. Wallack, edituri, pubblikazzjoni Edinburgh University Press 2022. Jissemma wkoll Xi Tfisser Tkun Bniedem, editjat minn Kurt Borg u Robert Farrugia, pubblikazzjoni Horizons 2023. Sens ta’ Ħarifa ta’ Kurt Borg se jiġi ppubblikat minn Klabb Kotba Maltin iktar tard din is-sena.


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • Jgħidu li l-ħin jeżisti biex ma jseħħx kollox f’daqqa. Bil-Malti għandna l-idea ta’ ħin u l-idea ta’ żmien bħala fenomeni distinti. Il-ħin qisu dak li jgħaddik minn mument għall-ieħor. Il-ħin tħossu għaddej. Iż-żmien, però, tinduna bih wara; tħares lura u tintebaħ li għaddew is-snin, li ġa ilek f’din id-dinja għoxrin, tletin, tmenin sena. Tħaffer fl-art u tintebaħ li ġa għaddew minn fuq id-dinja eluf ta’ snin, miljuni. F’“Manifest Kontra ż-Żmien”, Kris Polidano, f’dik in-nofs siegħa interminabbli ta’ vjaġġ b’tal-linja, tkejjel kull mument; kull minuta tagħfas fuqha bil-ħsejjes, l-irwejjaħ u l-memorji tagħha. L-eċċezzjoni trivjali ta’ ħsara fil-karozza ġġegħelha taqsam il-ħin tagħha fil-gelgul taż-żmien mal-folla għajjiena wara x-xogħol. L-opportunità li tiċċassa ’l barra mit-tieqa tagħtiha ċ-ċans li l-ħin tarah jissarraf fi żmien. “Lil ġismek għalxejn tipprova tgħidlu biex ma jikbirx; dak li jrid jagħmel. Il-ġenetika diġà qiegħda hemm f’postha, lesta biex tgħidlek li sormok ser jikbirlek u ser jieqaf jidħollok ġol-qalziet li għext fih għal sajf sħiħ; li r-riħa ta’ ġismek ser titlef dik l-aħħar qatra riħa newtrali — ħjiel tat-terra li jobżqu minn kull pora bis-saħħa t-tfal, u li nibqgħu nkarkru biha sa ma l-ewwel xagħra tiżbroffa minn taħt abtna.”


    https://aphroconfuso.mt/kris-polidano-manifest-kontra-ż-żmien/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • “Flaming Fag” ta’ Matteo Pullicino toħodna fl-intimità tal-friex, tas-sodda, fl-intimità ta’ bewsa. Fl-attentati — minkejja d-dinja — li ngħaddu xi ħaġa, xi forma ta’ ġmiel, wieħed lill-ieħor, permezz ta’ kliem, ta’ vrus, ta’ poeżija.


    https://aphroconfuso.mt/matteo-pullicino-flaming-fag/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • “L-ikbar deċiżjonijiet politiċi li għandna bżonn nieħdu huma dwar l-ikel”, tgħid Noah Fabri f’“Insalata”. L-ikel illum “jissimbolizza wkoll l-inugwaljanza u l-inġustizzji tal-katini tal-provvista u l-kapitaliżmu globali, il-ħela u l-ġuħ”. Fil-performance li kien jisimha wkoll “Insalata”, u li ttellgħet bejn Awwissu u Ottubru 2023, Noah tkellmet dwar ir-relazzjoni bejn l-ikel u l-ġeneru. Tiftakar kif fl-iktar mumenti f’ħajjitha fejn kellha bżonn tikkomunika mal-familja tagħha, ma’ nannitha u ommha, kien bit-tisjir li dan sar bl-iktar mod intens.


    Noti: Cruel Optimism ta’ Lauren Berlant huwa pubblikazzjoni Duke University Press, 2011. “Contamination in Theory and Protest” ta’ David Bond deher f’American Ethnologist fl-2021. Plastic Matter ta’ Heather Davis huwa wkoll ippubblikat minn Duke University Press, 2022. “Messy Mismeasures: Exploring the Wilderness of Queer Migrant Lives” ta’ Martin Manalasan IV deher fis-South Atlantic Quarterly fl-2018. Insalata ttellgħet fil-11 ta’ Awwissu, it-8 ta’ Settembru u l-11 ta’ Ottubru fi Spazju Kreattiv, il-Belt, bħala parti minn The Wind Blows Waves… In All Directions, wirja kollettiva ikkurata minn Bobb Attard u Dali Aguerbi. Ir-ritratt li qed jintuża għall-pubbliċità kien meħud minn Bobb Attard.


    https://aphroconfuso.mt/noah-fabri-insalata/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • « Lejn it-tmiem tas-seklu għoxrin, jiġifieri fis-snin tmenin u disgħin f’Malta, irġiel li kienu jfittxu intimità ma’ rġiel oħra għamlu patroċinju ta’ spazji pubbliċi definiti—bħal latrini, ġonna, u bajjiet—primarjament għal għanijiet ta’ intimità fiżika u sesswali iżda wkoll bħala spazji fejn ħafna setgħu jkunu queer mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma’ intolleranza u theddid. It-tendenza li tfittex l-intimità fi spazji pubbliċi kienet maqsuma ma’ ħafna pajjiżi lil hinn mill-gżira tal-Mediterran, ovvjament, iżda l-kuntest lokali ta lok għal użu partikolari tal-ispazju ddeterminat mill-attributi tal-post innifsu. »


    Noti: Lee Edelman jiżviluppa t-teorija tiegħu “bla futur” fil-ktieb No Future: Queer Theory and the Death Drive, pubblikazzjoni ta’ Duke University Press, 2004. Cruising Utopia: The Then and There of Queer Futurity ta’ Jose Estaban Muñoz huwa pubblikazzjoni ta’ NYU Press, 2009. Jack Halberstam jitkellem dwar il-lingwaġġ tal-ħufar fil-ktieb tiegħu Wild Things: The Disorder of Desire, Duke University Press, 2020. Eng-Beng Lim jitkellem dwar il-performattività gay f’kuntest globali-neoliberali f’Glocalqueering in New Asia: The Politics of Performing Gay in Singapore li deher fit-Theatre Journal, 57:3, Ottubru 2005. Eng-Beng Lim, bħal ħafna oħrajn, jibni fuq Orientalism ta’ Edward Said, ippubblikat fl-1978 minn Pantheon Books. Għal dan l-esej, użajt ukoll Cruising, space and surveillance: decolonizing sexuality in Singapore ta’ Ahmad Salehin u Laura Vitis fi Globalizations, 17:7, 2020. Elementary Structures of Kinship ta’ Claude Levi-Strauss huwa pubblikazzjoni ta’ Eyre & Spottiswoode, 1969. Marshall Sahlins jitkellem dwar it-tabù tal-inċest fi Stone Age Economics, Aldine-Atherton, 1972. Loco Mía, u mhux “Lakomija” kif konna nsejħulhom, kienu (u għadhom) grupp ta’ mużiċisti-żeffiena minn Spanja li bdew il-karriera tagħhom fil-clubs ta’ Ibiza fit-tmeninijiet.


    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bil-moħbi-fil-beraħ/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • Taħdita ma' Davinia Hamilton dwar it-teatru, il-kitba, u r-relazzjoni bejniethom. Fost ħafna affarijiet oħra, nitkellmu wkoll dwar ix-xogħol teatrali Blanket Ban, li ħolqot flimkien ma’ Marta Vella, u l-kitba tal-esej tagħha Żerriegħa fuq Aphroconfuso.


    Fit-taħdita Davinia ssemmi l-ktieb Time Lived, Without Its Flow ta’ Denise Riley, pubblikazzjoni Picador 2019, u t-talk tal-2004 “The Emancipated Spectator” ta’ Jacques Rancière.


    https://aphroconfuso.mt/davinia-hamilton/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • L-interess primarju ta’ Kris Polidano huwa li tikteb dwar li tgħix f’pajjiż fejn kollox dejjem jinbidel u fl-istess ħin ma jinbidel xejn. Permezz t'hekk tħares lura lejn kif iż-żmien jgħaddi, jitgerbeb, iqarraq bina u, sa ċertu punt, jisseduċina bin-nostalġija.


    https://aphroconfuso.mt/kris-polidano-na-i-hom/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • « Nitwieldu u nikbru. Inwelldu u nkomplu nikbru sa ma fl-aħħar nispiċċaw. M’hemmx mod ieħor.” Hekk tgħid Virginia lil oħtha Vera fin-novella “Qamar Aħmar” ta’ Simon Bartolo. “Kollox jitmermer. Kollha se nispiċċaw.” Dan il-fataliżmu jibda ċiklu li jiżvolġi f’ritorn—u bħal dejjem, it-tfittxija għall-istorja tagħna hija neċessarjament tfittxija għal dak li fadal minn ta’ qabilna. Meta ż-żagħżugħ fin-novella jasal fir-raħal biex ifittex lil oħt nanntu, “il-pjan kien li jfittex iċ-ċimiterju biex isib id-dar”. Iċ-ċimiterju huwa r-raħal tal-imgħoddi li se jibqa’ tul iż-żmien, “it-tkomplija tal-imgħoddi fl-issa biex jimxi lejn id-dejjem li ma jafu ħadd”. »


    https://aphroconfuso.mt/simon-bartolo-qamar-aħmar/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • Taħdita ma’ Omar dwar kif sar jaf b’Bur Mgħeż, kif għamel ir-riċerka tiegħu dwar is-sit u xi ħsibijiet dwar id-dixxiplina tal-arkeoloġija u l-"metodoloġija" letterarja.


    Aqra u isma' l-ewwel żewġ partijiet ta' Bur Mgħeż, li nsemmu f'din it-taħdita:

    1. Ftit qabel dfint ’l ommi, mort infittex qabar

    2. Dfintha fil-libsa li mietet fiha


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • It-tieni parti mis-sensiela dwar Bur Mgħeż. Hawnhekk insibu lil Omar jeżamina d-dokumenti miġburin fid-dossier MUS 1196-20 fl-arkivji tas-Santu Spirtu r-Rabat. “Fihom naraw lil Bur Mgħeż maqbud bejn il-Knisja, li kellha l-art fil-portafoll tal-Isqof, l-imprenditur Michele Zammit li għandu kienu mikrijin l-għelieqi u l-barrieri fejn id-dagħbien ta’ Bur Mgħeż kixfu d-dfin u l-fdalijiet Neolitiċi, u l-Valletta Museum flimkien mal-Gvern ta’ Malta li riedu jakkwistaw l-artijiet biex ikomplu jesploraw il-fdalijiet tas-sit u jipproteġuhom mill-iskavar tal-barrieri għall-ġebla tal-franka”.


    Noti: L-epigrafu huwa meħud mill-poeżija ta’ Marjanu Vella “Ħitan tas-Sejjieħ”. Hemm qari tagħha hawn. Ta’ Noel Buttigieg ikkonsultajt “L-Imqabba fil-bidu tas-Seklu XX: Xi aspetti tal-ħajja soċjali fi żmien it-twaqqif tal-każini” f’Sicut Lilium: Devozzjoni u Ritwal tul is-Sekli, Charles Farrugia, editur, ippubblikat fl-2012 tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, Mqabba. “Bur Mgħeż u Tan-Naxxari” ta’ Charles Farrugia kien ippubblikat fil-programm tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-2016. “Hercules’ Unfinished Labour: the management of Borg in-Nadur and its landscape” ta’ Reuben Grima deher f’Site, artefacts and landscape — Prehistoric Borġ in-Nadur, Malta, editjat minn Davide Tanasi u Nicholas C. Vella ippubblikat fl-2011 minn Polimetrica International Scientific Publisher f’Monza. Id-diskors ta’ John Kerry tal-2014, waqt l-inawgurazzjoni tal-esibizzjoni From Assyria to Iberia fil-Metropolitan Museum ta’ New York huwa disponibbli mill-arkivju online tas-Segretarju tal-Istat Amerikan. Għal dan l-esej qrajt ukoll “The Dignity of the Dead: Ethical Reflections on the Archaeology of Human Remains” ta’ Brais X. Currás u Lydia de Tienda Palop li deher f’Ethical Approaches to Human Remains, editjat minn K. Squires, D. Errickson, N. Márquez-Grant, ippubblikat minn Springer, Cham, fl-2019.


    Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, ir-Rabat, għall-permess biex nikkonsulta u nippubblika d-dokumenti fid-dossiers MUS 1196-20, CUR 3118-11 u CUR 2052-12. Ukoll lil Charles Farrugia u Noel Buttigieg li ddiriġewni kemm għal xogħol li kien sar fuq Bur Mgħeż kif ukoll għall-kitbiet dwar in-Naxxari, u lil Melvin Theuma tal-għajnuna waqt ir-riċerka. Ukoll Lil Sharon Sultana għar-referenza għall-minuti tal-Antiquities Committee.


    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-2-dfintha-fil-libsa-li-mietet-fiha/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • « Bur Mgħeż għeb fil-baħħ. Sparixxa. Kieku ma kinux dawk l-uħud li jsostnu li semgħu lil missirijiethom isemmuh, kont taħseb li ivvintah Napuljun Tagliaferro f’konġura ma’ Temi Zammit. Anki l-isem sparixxa, u sparixxiet ukoll il-grammatika tal-istat kostrutt tiegħu. Imma kif iġġibu lura mill-mewt? Kif toħorġu minn qabru stess? F’dawn l-esejs li ġejjin se nipprova nirkupra ’l-Bur Mgħeż minn għejun differenti. »


    Noti: Għal dan l-esej ikkonsultajt “Prehistoric Burials in a Cave at Bur-Meghez, Near Mkabba, Malta” ta’ Napuljun Tagliaferro, ippubblikat fil-ġurnal Man Vol. 11 (1911) mir-Royal Anthropological Institute of Great Britain & Ireland; ukoll il-Fieldnotes ta’ Temi Zammit, speċjalment Vol. 3 fejn hemm id-daħliet tal-1911. Malta and the Mediterranean Race ta’ Richard Noël Bradley kien ippubblikat minn T.F. Unwin fl-1912. Qrajt ukoll “Past Dark”, fil-ktieb Archaeology of Darkness, Marion Dowd u Robert Hensey ed., Oxbow Books 2016, u Neolithic Cave Burials: Agency, Structure and Environment ta’ Rick Peterson, Manchester University Press 2019. Qrajt il-kitbiet ta’ Anton Mifsud u hawn nirreferi għat-taħdita tiegħu “Anaemia in Ancient Times: Can We Obtain Any Useful Information from the Study of Ancient Maltese Skulls?” li ppreżenta lill-Malta Branch of The British Medical Association fl-2006. Anthony Pace huwa l-arkeologu l-iktar infurmat fuq is-sit ta’ Bur Mgħeż. Waqt li kont qed nikteb dawn l-esejs, ħareġ il-kapitlu tiegħu fit-tielet volum tal-pubblikazzjonijiet tal-Proġett FRAGSUS bit-titlu Temple People: Bioarchaeology, Resilience and Culture in Prehistoric Malta, McDonald Institute for Archaeological Research, Cambridge 2023. Ix-xogħol fuq dan il-volum sar minn Simon Stoddart, Ronika K. Power, Jess E. Thompson, Bernardette Mercieca-Spiteri, Rowan McLaughlin, Eóin W. Parkinson, Anthony Pace u Caroline Malone. Pace kien diġà ppubblika xi tagħrif f’Malta Before History, Daniel Cilia ed., Miranda Publishers 2004.


    Ħajr lil Stefan Aquilina, u lil Carl Caruana, ħabib u kompliċi f’dak kollu li hu franka. Ukoll, lis-sur Farrugia, li llum jgħix Birkirkara, li flimkien tħadditna fit-tul fuq ix-xogħol li kien għamel fil-barriera Taċ-Ċomba ġewwa l-Imqabba. Ħajr ukoll lil dawk in-nies li ltqajt magħhom waqt il-mixi tiegħi ġewwa l-Imqabba u li flimkien tkellimna fuq il-barrieri, fuq il-wirt kulturali, fuq Bur Mgħeż, u fuq kif post jintesa.


    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-1-ftit-qabel-dfint-l-ommi-mort-infittex-qabar/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • “Wasal iż-żmien mistenni minn kulħadd...” L-għanja nafuha u mill-ewwel nifhmu li ż-żmien mistenni minn kulħadd suppost huwa l-karnival, dawk il-jiem fejn l-ilwien jgħammxu l-għajnejn u l-irtokk u t-travestija huma għal kulħadd. Festa li maż-żmien immansat u llum nassoċjawha l-aktar mat-tfal. Iżda għal uħud tista’ tfisser ħafna aktar minn sempliċi logħba bil-maskri u l-kostumi.


    https://aphroconfuso.mt/matthew-schembri-mona-lisa-karnival-ieħor/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • “Kif Tgħidha f’Qalbek” kienet taħdita waqt il-Festival tal-Ktieb fil-21 ta' Ottubru 2023. Fuq stedina ta' Mallia & D’Amato Booksellers, l-edituri ta' Aphroconfuso jitħaddtu ma’ Kurt Borg, Davinia Hamilton u Omar N'Shea.


    “Jekk huwa minnu, bħalma jgħidu ħafna, li kull kitba hija forma ta’ traduzzjoni, il-kitba bil-Malti terġa’ hija traduzzjoni b’mod iktar ovvju minn dak li hu mifhum minn min jgħid hekk. F’dawn l-ewwel xogħlijiet li għandna fil-ġurnal tagħna din it-taqbida kienet ta’ spiss parti importanti mill-kitba u mill-proċess editorjali. Meta l-ewwel niddeċiedu li niktbu dwar suġġetti li aħna intiżi fihom imbagħad wara nagħżlu li niktbu dwarhom bil-Malti, insibu ruħna nipproċessaw ideat illi dejjem qrajniehom b’lingwa oħra, probabbilment bl-Ingliż, u li għalhekk bqajna naħsbuhom b’din il-lingwa. Meta niġu biex nartikolawhom bil-Malti nsibu ruħna nitqabdu bejn l-idea nnifisha u espressjoni preċiża u eleganti.”


    Peress li kien hemm ħafna attività taħt it-tinda tal-Festival, kellna nipproċessaw ir-recording biex inneħħu l-istorbju mill-isfond u għaldaqstant, f'xi waqtiet il-kwalità tal-vuċijiet hija inqas mis-soltu.


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • « Fil-ħarifa tal-2020, fil-bidu tat-tieni lockdown, żrajt żerriegħa għall-ewwel darba f’ħajti, u r-raħs ta’ idea rabba l-għeruq. Dak iż-żmien konna f’nofs il-pandemija: in-numri—l-infezzjonijiet, il-pazjenti l-ICU, u l-imwiet—kienu telgħin, u konna qegħdin niffaċċjaw xitwa twila u kiefra. Malta kienet tinħass ’il bogħod ’il bogħod—’il bogħod wisq minn dan l-appartament żgħir f’Londra. Iż-żmien kien għaddej b’pass illajmat imma goff, ma jċedi xejn. Ħassejt in-nuqqas ta’ familti, kont ili xhur twal ma narahom, u l-ivvjaġġar kien għadu perikoluż. Kien għad ma kellniex vaċċin biex itaffi l-periklu ta’ dan il-virus li kien qiegħed jeqred tant nies. Bl-ansjetà ttextex f’żaqqi, kont qisni għasfur b’qalbi tgħaġġel, kollni ttikazzjoni u enerġija bla skop. »


    Noti: “Of Other Spaces: Heterotopias and Utopias” ta’ Michel Foucault huwa traduzzjoni mill-Franċiż ta’ Jay Miskowiec li dehret fil-ġurnal Architecture/Mouvement/Continuité ta’ Ottubru, 1984. Modern Nature ta’ Derek Jarman huwa pubblikazzjoni Penguin Random House 1991, disponibbli minn archive.org. Wanderlust ta’ Rebecca Solnit huwa pubblikazzjoni Granta Books 2014, disponibbli wkoll minn archive.org. “The Mother Tongue and the Foreign” ta’ Kristina Valendinova deher fl-edizzjoni numru 29 tal-JCFAR, Awwissu 2019. “The Capitalocene and Planetary Justice” ta’ Jason W. Moore deher f’Maize 6, 2019. “The Disturbances of the Garden” ta’ Jamaica Kincaid deher fin-New Yorker fil-21 ta’ Awwissu 2020. Sketches of Foreign Travel ta’ Charles Rockwell kien pubblikazzjoni ta’ Tappan and Dennet, Boston, D. Appleton & Co., 1842, u huwa disponibbli minn archive.org. “Appalling poverty in Malta in the early 19th century” deher fit-Times of Malta tat-23 ta’ Ġunju 2013. Il-kitba anonima “Malta during the late War” dehret f’Knight’s Quarterly Magazine Vol 3, Awwissu-Novembru fl-1824. Slow Violence and the Environmentalism of the Poor ta’ Rob Nixon huwa pubblikazzjoni Harvard University Press 2011.


    https://aphroconfuso.mt/davinia-hamilton-żerriegħa/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • Nota dwar it-traduzzjoni ta' “It-Tipjip”, kapitlu minn La coscienza di Zeno ta’ Italo Svevo.


    « Ir-relazzjoni ta’ Svevo u l-persunaġġi tiegħu mat-Taljan ma kinitx wisq ’il bogħod minn dik li kienet ta’ Maltin tal-istess żmien, u tal-istess klassi borgeża. Malta, bħal Trieste, kienet iktar minn darba ġiet fil-mira tal-irredentisti Taljani: żewġ ‘gżejjer’ miżmumin bil-ħakma tal-ikbar żewġ imperi ta’ dak iż-żmien milli jwettqu d-destin tagħhom u jingħaqdu ma’ ħuthom Taljani... Bħal ħafna nies ta’ madwar il-ġenerazzjoni tiegħi, jien naf it-Taljan mhux partikolarment għax tgħallimtu l-iskola — għalkemm l-iskola tgħallimtu sew — imma għax meta kont tfal l-iktar li konna naraw kien televixin bit-Taljan. Kien hemm ħafna programmi Taljani stess, naturalment, imma kien hemm ukoll ħafna programmi Ingliżi, u speċjalment Amerikani u Ġappuniżi. Din kienet dinja fejn detectives ġo San Francisco, il-korpi tas-salvataġġ fuq ir-ramliet tal-Hawaii u robots twal għaxar sulari f’Tokyo tal-futur kollha kienu jitkellmu bid-djalett ċar u b’vokali miftuħin li s-Sinjorina Luti kien għoġobha tgħarraf lil Manzoni li kien aċċettabbli fis-salotti tan-nies puliti ta’ Firenze fil-bidu tas-seklu dsatax. »


    Noti: Maltese and Other Languages: A Linguistic History of Malta ta' Joseph M. Brincat (Midsea Books, 2021) jagħti l-istorja tal-Malti mill-bidu nett. The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism ta' Geoffrey Hull (Said International, 1993) daqsxejn kaotiku imma dettaljat ħafna u anki Brincat jużah biex jgħid l-istorja tiegħu. Tullio de Mauro, fil-ktieb tiegħu Storia linguistica dell'Italia unita 2011 (Einaudi, 1963) kien qal li meta l-Italja ngħaqdet, 2.5% biss tan-nies fit-territorju issa Taljan kienu fil-fatt jitkellmu lingwa li tinftiehem lil hinn mir-reġjun tagħhom, u madwar 10% kienu jifhmuha. Anki min ma jaqbilx ma' dawn il-figuri, jagħti figuri baxxi ħafna. La coscienza di Zeno huwa disponibbli f'ħafna edizzjonijiet. L-edizzjoni ta' Einaudi (2019) fiha esej tajjeb ħafna tal-editur, Mario Lavagetto.


    https://aphroconfuso.mt/joe-gatt-il-kuxjenza-fit-truf/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.